15.8.09

It-Tempji Qodma

  1. L-IMNAJDRA It-Tempji tal-Imnajdra jinsabu l-Qrendi ftit il-bogħod mit-Tempju ta' Ħaġar Qim. Biex tmur tara' dawn it-tempji tista' taqbad tal-linja numru 35, jew bil-karozza tara' s-sinjali mil-lokalitajiet taż-Żurrieq, il-Qrendi jew is-Siġġiewi. Jiftaħ għall-wiri mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-disgħa ta' filgħodu (9:00) u l-ħamsa ta' filgħaxija (17:00). L-aħħar dħul ikun fl-erbgħa u nofs ta' waranofsinhar (16:30). Dawn it-Tempji jibqgħu mgħaluqa ħames darbiet biss matul is-sena, f'Lejlet il-Mieled, fil-Milied, f'Lejlet l-Ewwel tas-Sena, fl-Ewwel tas-Sena u fil-Ġimgħa l-Kbira.

  1. ĦAĠAR QIM It-Tempju ta' Ħaġar Qim li nstab fl-1839 jinsab 500 metru biss il-bogħod mit-Tempji tal-Imnajdra, fuq barra tal-lokalità tal-Qrendi. Hawn instabet l-istatwa tal-'Mara l-Ħoxna' li llum tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Hu wieħed mill-akbar tempji li nsibu f'Malta. L-informazzjoni tad-dħul għall-wiri u meta jkun mgħaluq huma l-istess bħal tat-Tempji tal-Imnajdra. Biex tara' dan it-tempju tista' tixtri biljett wieħed u tkun tista' tara' dan iż-żewġ kumplessi storiċi li nsibu l-Qrendi ftit il-bogħod minn Wied iż-Żurrieq.

  1. TEMPJI TA' ĦAL TARXIEN It-Tempji ta' Ħal Tarxien li huwa l-akbar kumpless ta' tempji, fejn insibu 4 strutturi megalitiċi. Dawn it-tempji jinsabu mdawrin bid-djar li hemm fil-lokalità ta' Ħal Tarxien eżatt fi Triq it-Tempji Neolitiċi, mal-fruntieri li jmissu ma' Raħal Ġdid. Biex tasal għal dawn it-Tempji tista' tirkeb tal-linja li jgħaddu għan-nofsinhar ta' Malta, fosthom ta' Ħal Għaxaq, il-Gudja, Birżebbuġa, Marsaxlokk u ż-Żejtun. Jekk tkun sa tasal wasla bil-karozza tista' tasal sal-Pjazza ta' Raħal Ġdid jew Ħal Tarxien u timxi mat-tabelli. Triq dejjem toqgħod attenti li ma tgerfxux dawn it-tempji mal-Ipoġew ta' Ħal Saflieni. L-informazzjoni tad-dħul għal wirjiet u meta jkunu mgħaluqin huma l-istess bħal tat-tempji tal-Imnajdra u Ħaġar Qim.

  1. IL-ĠGANTIJA It-Tempji tal-Ġgantija huwa l-iktar sit arkeoloġiku importanti f'Malta, jew eżatament f'Għawdex. Dan il-kumpless jikkonsisti minn żewġ tempji, li huma l-eqdem struttura mibnija fid-dinja. Dawn it-tempji jinsabu fil-lokalità tax-Xagħra, eżatamet fi Triq it-Tempji. Biex tasal għal dawn it-tempji li jinsabu fil-Gżira Għawdxija barra li taqbad il-vapur t'Għawdex miċ-Ċirkewwa trid tasal wasla sal-Venda tal-Belt Vittorja biex taqbad tal-linja lejn ir-raħal tax-Xagħra twaslek eżatt quddiem il-Ġgantija. Jekk se tasal bil-karozza l-aħjar tasal sa Pjazza Vitorja, il-pjazza prinċipali tax-Xagħra, u timxi mas-sinjali. Dan it-tempju jiftaħ ukoll l-istess ħinijiet u jiem ta' tempji li tkelimna dwarhom hawn fuq.

  1. ĦAL SAFLIENI L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni li jinsab fi Triq Ħal Saflieni ġewwa Raħal Ġdid (Paola), hu kumpless imħafer taħt l-art. Bħat-tempji l-oħra hu mniżżel mal-lista ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO. Dan is-sit hu miftuħ għal massimu ta' 80 viżitatur kuljum, għalekk importanti li tibbukkja minn qabel. Biex tibbukkja online tista' tidħol fuq http://www.heritagemaltashop.com/. Tista' tixtri l-biljetti wkoll miċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ipoġew ġewwa Raħal Ġdid, mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ġewwa l-Belt Valletta, mit-Tempji tal-Ġgantija ġewwa x-Xagħra, u mill-Mużew tal-Arkeoloġija ġewwa ċ-Ċittadella, Għawdex. Għal iktar informazzjoni tista' tibgħat ittre (email) fuq hypogeum@gov.mt. Biex tasal għal dan l-ipoġew trid taqbad tal-linja li jgħaddu mill-Pjazza ta' Raħal Ġdid u tieqaf fl-istage ta' ħdejn il-knisja parrokkjali ta' Kristu Re u timxi lejn il-Poli Klinika ta' Raħal Ġdid. Dawk li jmoru bil-karozza tagħhom jista' jagħmlu dan billi jaslu ħdejn ir-roundabout ta' Santa Luċija u jidħlu lejn Triq Ħal Luqa u jimxu mat-tabelli.

3 comments: